Il-Covid-19 tefa’ piż fuq diversi aspetti tal-ħajja kwotidjana tagħna. Tefa’ pressjoni addizzjonali fuq sitwazzjonijiet li diġa’ kienu diffiċli kif kienu, bħal meta ġenituri jkollhom d-dritt ta’ aċċess għal uliedhom. Apparti l-lat emottiv, jeżistu aspetti legali wara din is-sitwazzjoni, li permezz ta’ dan l-artiklu ser nipprovaw ngħaddu ftit għarfien dwarhom.
Il-prinċipju ewlieni huwa li kull att pubbliku (kuntratt) u digriet tal-Qorti (ordni) li jirregola l-aċċess ta’ tfal minuri għadu validu. Pero’ apparti dawn, anke l-miżuri ta’ emerġenza maħruġa riċentement mill-Gvern huma validi. B’konsegwenza ta’ dan, ħafna ġenituri f’dan iż-żmien inċert huma preokkupati fuq kif id-dritt tal-aċċess, u arranġamenti li kienu fis-seħħ sabiex dan id-dritt jingħata, għandhom jigu implimentati. Jekk l-ebda wieħed mill-ġenituri ma kien espostt għal Covid-19 u ż-żewg ġenituri qiegħdin jieħdu l-prekawzjonijiet neċessarji kif qiegħed jiġi rrakomandat mill-awtoritajiet tas-saħħa, l-aċċess għandu jitkompla jitħalla jiġi eżerċitat bejn it-tfal u l-ġenituri. Dan il-parir qiegħed jigħata f’konformita’ ma’ skeda informattiva li ħarġet nhar il-Ġimgħa 27 ta’ Marzu 2020 mill-Gvern Malti fejn ġew implimentati miżuri għal persuni vulnerabbli. Fost l-eżenzjonijiet għal dawn il-miżuri implimentati wieħed isib l-eżerċitar tal-aċċess favur ‘l-ulied li ġie kkategoriżżat bħala ħtieġa assolutament essenzjali.
Għandu jkun ċar, li jekk wieħed mill-ġenituri jinsab taħt kwarantina u ma jistax joħroġ mir-residenza tiegħu, l-aċċess ma jistax iseħħ u huwa d-dritt tal-ġenitur l-ieħor li joġġezzjona biex l-aċċess ma jsirx. Il-Qrati dejjem esprimew il-pożizzjoni li d-deċiżjonijiet kollha għandhom jittieħdu fl-interess aħħari tal-minuri. Għaldaqstant, li ġenitur jkun imħasseb dwar is-saħħa ta’ uliedu huwa fattur importanti, li għandu jingħata piż meta qed jiġi deċiż jekk l-aċċess għandux jitkompla bħalma kien, jew jekk għandux jieqaf u jieħu forma oħra.
Il-fatt li wieħed mill-ġenituri jkun taħt kwarantina u ma jistax jeżerċita’ l-aċċess, ma jfissirx li l-ulied għandhom jiġu kompletament maqtugħa minn ma’ dak il-ġenitur. Fortunatament illum ngħixu f’dinja tekonoloġikament avvanzata u dan jippermetti li xorta jkun hemm kuntatt b’mod remot permezz ta’ video calls. Il-kwistjoni hija, jekk din hijiex enforzabbli bil-liġi. Jekk ġenitur jixtieq kjarezza fuq dan il-punt għaliex qed isibha diffiċli li juża mezzi teknoloġiċi bħal facetime jew skype call għal aċċess, wieħed jista’, jekk huwa kaz urġenti, japplika għal intervent tal-Qorti sabiex jingħata l-kjarezza meħtieġa u jkollu digriet eżegwibbli dwar dan.
Iż-żewġ ġenituri huma mħeġġa jżommu l-kommunikazzjoni ta’ bejniethom miftuħa, tinżamm il-flessibilita’ u jaħdmu flimkien f’dan ir-rigward. Dan għandu jgħin sabiex it-tfal ikollhom konnessjoni maż-żewġ ġenituri, filwaqt li tinżamm ir-rutina regolari tat-tfal b’mod sigur. Meta jagħmlu dan, il-ġenituri għandhom jiżguraw li l-aħjar interess ta’ uliedhom jibqa’ l-prijorita’ aħħarija u għandhom jevitaw akkost ta’ kollox li jpoġġu lil uliedhom fi kwalunkwe periklu.
Av. Malcolm Mifsud – Founding Partner
Av. Maria Camilleri – Associate
Mifsud & Mifsud Advocates
Kindly click here if you would like to access the English version of this article.
Għal iktar informazzjoni tistgħu tikkuntatjaw lil wieħed mit-tim tagħna fuq Mifsud & Mifsud Advocates.